gov.mt

PR261674

PR261674

09/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Malta u Trip.com Group jiffirmaw ftehim strateġiku biex jippromwovu lil Malta bħala destinazzjoni turistika globali

​

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u Trip.com Group iffirmaw ftehim dwar Kooperazzjoni Strateġika għall-perjodu 2026–2029, bil-għan li jsaħħu l-promozzjoni ta' Malta fis-swieq internazzjonali, b'enfasi partikolari fuq iċ-Ċina u l-Asja.

Il-ftehim ġie ffirmat fil-marġini tas-Summit Globali tal-Kunsill Dinji tal-Ivvjaġġar u t-Turiżmu (WTTC) 2026, li qed isir f'Malta. Għall-iffirmar attendew il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela, il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef, u l-Viċi President ta' Trip.com Group Edison Chen.

Il-kollaborazzjoni se tiffoka fuq il-promozzjoni ta' Malta bħala destinazzjoni turistika, id-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku u t-tisħiħ ta' turiżmu sostenibbli, bl-użu tal-firxa globali u l-kapaċitajiet teknoloġiċi ta' Trip.com Group.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li l-bookings tal-ivvjaġġar lejn Malta fuq il-pjattaforma tal-grupp irreġistraw tkabbir ta' 60%, u esprima l-impenn li l-kollaborazzjoni tkompli żżid l-interess f'Malta fost vjaġġaturi mill-Asja u minn swieq oħra. Saħaq kif din l-inizjattiva taqbel mal-istrateġija ta' Malta biex iżżid il-proporzjon tal-wasliet minn barra l-Unjoni Ewropea għal 40% fl-għaxar snin li ġejjin.

“Din il-kollaborazzjoni hija pass ieħor fl-isforzi tagħna biex inkomplu niddiversifikaw is-swieq turistiċi u nsaħħu l-pożizzjoni ta' Malta fix-xena internazzjonali. Permezz ta' sħubijiet strateġiċi bħal din, qed noħolqu opportunitajiet ġodda biex Malta tilħaq aktar viżitaturi, filwaqt li nkomplu nibnu settur turistiku ta' kwalità, reżiljenti u sostenibbli," temm jgħid Dr Abela.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef qal li d-diversifikazzjoni tas-swieq hija prijorità strateġika għal Malta, u li ċ-Ċina tirrappreżenta opportunità importanti għat-tkabbir. Is-sħubija għandha tgħin biex Malta tilħaq aktar vjaġġaturi internazzjonali u tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni Mediterranja ta' kwalità, turiżmu li jonfoq iżjed u jivvjaġġa tul is-sena kollha​​

Permezz ta' dan il-ftehim, Malta tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni internazzjonali tagħha u taħdem biex tattira viżitaturi ġodda, filwaqt li tappoġġa settur turistiku diversifikat u sostenibbli.

​